203, 204, 205, 206. Studju fuq ir-Rumanzi ta' Pawlu Xuereb

  • €30,00
    Unit price per 





L-ERBA PUBBLIKAZZJONIJIET


Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa

L-ewwel rumanz polizjesk huwa dwar tfajla li tinsab maħruqa fir-Rabat. Fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, Żeppu ta’ Lonz, raġel ftit imdaħħal fiż-żmien, jidħol b’nifsu maqtugħ u bl-għaraq iċarċar miegħu l-għassa tal-pulizija tar-Rabat sabiex jirraporta każ ta’ qtil hekk kif ftit qabel jilmaħ katavru ta’ tfajla bejn is-sbatax u t-tmintax-il sena fl-għalqa tiegħu fl-inħawi ta’ Wied Liemu, ir-Rabat stess. Il-każ ikompli jikkumplika ruħu xħin il-pulizija jaslu fuq il-post u jsibu l-katavru tat-tfajla f’ħuġġieġa waħda.

Tarcy Saydon, flimkien mal-membri l-oħra tal-korp jaħdem bis-sħiħ sabiex tingħata ġustizzja għal din it-tfajla minkejja l-isfidi kollha li jaffaċċja. Hekk kif tiżviluppa l-investigazzjoni, ċerti sigrieti moħbijin se jitilgħu fil-wiċċ, u fil-proċess se jisfumaw il-qasma bejn l-alleati u l-avversarji ta’ Saydon u t-tim tiegħu. Fi ġlieda kontinwa kontra l-ħin, id-ditektiv se jagħmel ħiltu sabiex iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma, u eventwalment jikxef min kien il-qattiel u x’kien il-motiv tiegħu.

Is-serqa ta’ Nicolas Cotoner

It-tieni każ li jinvestiga Tarcy Saydon huwa l-attentat ta’ serq tal-bust antik u storiku tal-Gran Mastru Nicolas Cotoner minn Bieb is-Sultan fid-daħla għall-Kottonera u kien jifred lil Ħaż-Żabbar mit-Tlett Ibliet u l-Kalkara , nhar il-Ħadd, 16 ta’ Jannar 1966.   L-ispettur tal-għassa ta’ Bormla għarraf lid-ditektiv  Saydon li matul il-lejl xi ħallelin ittantaw jisirqu l-bust tal-Gran Mastru. Madankollu, xħin id-ditektiv imur fuq il-post isir jaf li l-ħallelin la rnexxielhom jisirquh u lanqas jagħmlulu ħsara.

X’ippruvaw jagħmlu l-ħallelin?.. X’kien it-tir wara s-serqa ta’ dan il-bust?.. U kif ma rnexxielhomx jisirquh? 

Iżda l-kwalitajiet ta’ ditektiv professjonali jergġħu jidhru għal darb’oħra f’dan ir-rumanz hekk kif waqt l-investigazzjonijiet tiegħu jiskopri xi ħaġa li tibdel il-konfini tal-każ ta’ taħt fuq. X’jiskopri d-ditektiv Saydon? U x’miżuri jieħu sabiex isolvi dan il-każ tant imħabbel u mxekkel?

Qtil f’San Pawl il-Baħar

It-tielet rumanz huwa dwar is-sejbien ta’ katavru ta’ mara f’wieħed mill-appartamenti quddiem il-baħar ħdejn Għar Fekruna ġewwa San Pawl il-Baħar. Wara li jsolvi l-każ tat-tfajla maħruqa u dak tas-serqa tal-bust ta’ Nicolas Cotoner b’suċċess kbir, il-korp tal-pulizija jeħtieġ is-servizzi tad-ditektiv Saydon għal darb’oħra. Permezz ta’ telefonata, Tarcy jiġi infurmat li għandu każ ta’ qtil ieħor fuq idejh wara li. L-identifikazzjoni tal-mara bħala waħda barranija tkompli xxekkel il-każ u tagħmel il-ħajja tad-ditektiv u tal-membri l-oħra tal-korp ferm iżjed diffiċli.

Min hi din il-mara?.. Għaliex ġiet Malta?.. Għaliex inqatlet?

Il-qtil ta’ din il-mara jfisser li għal darb’oħra Tarcy u t-tim tiegħu se jkollhom jerġgħu jibdew iħollu l-kobba mill-bidu nett, iżda bħal dejjem id-ditektiv jilqa’ din l-isfida b’idejh miftuħin. Fl-aħħar mill-aħħar, kull każ fih l-istorja tiegħu, storja li jeħtieġ li tiġi eżaminata u investigata b’reqqa liema bħalha sabiex eventwalment toħroġ il-verità u tingħata l-ġustizzja mistħoqqa.

Ir-Rumanz Polizjesk

Ma’ dawn it-tliet rumanzi qed jiġi ippubblikat studju dwar ‘Ir-Rumanz Polizjesk – Studju fuq ir-Rumanzi ta’ Pawlu Xuereb’, riċerkat u miktub minn Wayne Camilleri. Fil-bidu ta’ dan l-istudju l-awtur iħares minn lenti wiesa’ lejn l-istorja, it-terminoloġija u l-karatteristiċi tan-narrattiva letterarja kriminali u s-sottoġeneri li jsawruha. Iżjed ’il quddiem jiffoka fuq ir-rumanzi polizjeski ta’ Pawlu Xuereb u janalizza l-karatteristiċi tematiċi u stilistiċi ewlenin ta’ dan il-ġeneru tan-narrattiva kriminali. Xuereb ħoloq dak li jidher li hu l-ewwel investigatur tad-delitti li jaħdem fil-qafas tal-korp tal-pulizija u dan huwa l-ewwel studju akkademiku komprensiv tal-ġeneru kriminali bil-Malti. Fil-kapitli ewlenin tinxteħet l-attenzjoni fuq it-tliet rumanzi ta' Xuereb  permezz ta’ analiżi fuq il-karatterizzazzjoni, in-narrazzjoni, il-plot, u elementi narrattivi oħrajn li dan ir-rumanzier juża fir-rumanzi tiegħu.