
199. Ritratti mill-Istorja
RITRATTI MILL-ISTORJA.
L-istorja tan-nies komuni fil-bidu tas-seklu 20.
Tagħrif miġbur minn Evarist Bartolo.F’din l-istorja tan-nies komuni qed nistidnukom biex nagħmlu flimkien vjaġġ lura fis-snin biex naraw kif kienu jgħixu niesna fil-bidu tas-seklu 20. Se niltaqgħu ma’ niesna, nisa u rġiel, kbar u żgħar, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Se naraw x’kien ifisser tkun tgħix f’pajjiżna seklu ilu. Hemm min uħud minn dawn ir-ritratti mill-istorja tal-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu 20 ifakkruh fiż-żminijiet tal-lum.
Aħna u nivvjaġġaw lura fis-snin li għaddew minn fuq pajjiżna se naraw jekk aħniex differenti minn dawk li għexu qabilna fi żminijiet oħra. Se naraw jekk pajjiżna nbidilx, jekk inbidel fiex inbidel u fiex ma nbidilx. Li nkunu nafu mnejn ġejjin jgħinna nifhmu aħjar fejn ninsabu u fejn sejrin.